Avviżi u Aħbarijiet

Avviżi

27 TA’ ĠUNJU, 2021

IT-XIII IL-ĦADD MATUL IS-SENA

1. Hija x-xewqa tal-Papa Frangisku li, fil-Quddies kollu li jiġi ċċelebrat illum/għada, ssir il-Ġabra magħrufa bħala l-“Offerta ta’ San Pietru”. B’din il-ġabra, nkunu qegħdin ngħinu lil ħutna fil-bżonn mad-dinja kollha. Nixtiequ nħeġġu lil kulħadd biex inkunu ġenerużi kif dejjem konna.

2. Nhar it-Tlieta hija l-festa ta’ San Pietru u San Pawl, l-Imnarja. Il-Quddies ikun bħal ta’ matul il-ġimgħa.

3. Nhar il-Ħamis, l-Adorazzjoni tkun immexxija mill-Kummissjoni Familja. Wara l-Quddiesa, ikun hawn l-Adorazzjoni mill-Grupp Kristu Rebbieħ.

4. Nhar il-Ġimgħa hija l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar. Għalħekk ikun hawn Adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat qabel il-Quddiesa tas-6.30 pm.

5. Nhar is-Sibt huwa l-Ewwel Sibt tax-xahar. Qabel il-Quddiesa tat-8.00 am, jingħad ir-Rużarju meditat.

Il-Kelma tal-Kappillan

“Kieku… qegħdin niċċelebraw il-festa tagħna”; “kieku… it-tifel għamel il-Preċett”; “kieku… żżewwiġt u diġa qegħda fid-dar il-ġdida”; “kieku… sejjer Ruma għall-vaganzi tas-sajf.”  Kieku u kieku…  Dawn huma ftit mill-“kieku” li smajt f’dawn l-aħħar xhur.  U jien nżid magħhom kieku ma ħadniex ħsieb is-saħħa ta’ xulxin kieku forsi aħna spiċċajna mitfunin iċ-ċimiterju.   Dan huwa l-passat li nittamaw li ma jerġax ikollna bħalu.  Issa rridu nħarsu ‘l quddiem.  Nirringrazzjaw lil Alla ta’ dak li għandna u fadlilna mhux ta’ dak li tlifna u għadda.  Għalkemm għadu ma għaddiex kollox irridu nibqgħu mexjin bil-prudenza, bir-rispett lejn kulħadd mingħajr ma nitilfu t-tama, u dan għall-ġid tagħna u ta’ kulħadd.  Qatt ma rajt daqshekk ħsibijiet reliġjużi sbieħ fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni daqs kemm rajna f’dawn ix-xhur.  Ta’ min jirriflettihom u jgħixhom ħalli nkunu aktar qrib il-pjanijiet ta’ Alla.

Din is-sena l-parroċċi kollha mingħajr distinzjoni qed jgħixu esperjenza straordinarja u komuni għall kulħadd.  L-ebda parroċċa ma ċċelebrat jew se tiċċelebra l-festa esterna tal-patruna tagħha.  Din hija d-direttiva ġusta u komuni għal kulħadd li l-isqfijiet tagħna ħadu għall-ġid tas-saħħa tagħna.  Hija esperjenza li kulħadd qed jagħraf b’maturita u jaddatta ruħu għaliha.  Kif nafu, il-Covid-19 ma laħqetx biss il-festi imma laħqet il-ħajja tagħna ta’ kuljum – il-familja, il-knisja, l-iskejjel, ix-xogħol, id-divertiment, il-vaganzi… u ħafna attivitajiet li aħna s-soltu nagħmlu.

L-ewwel riflessjoni li nagħmel quddiem din is-sitwazzjoni hi li ħriġna għal ftit mir-rutina biex wieħed jirrifletti.  Il-festa tal-parroċċa, kif dejjem jien emmint, hija manifestazzjoni ferrieħa ta’ xi ħaġa akbar jew anki nistgħu nsejħula ta’ frott ta’ valur nisrani li huwa l-fidi flimkien mad-devozzjoni lejn il-Madonna.  Jekk ma jkunx hemm il-vera fidi u devozzjoni allura l-manifestazzjoni ta’ ferħ tkun vojta u bla sens.  Jista’ jkun hemm il-fidi u d-devozzjoni mingħajr din it-tip ta’ manifestazzjoni, iżda ma jistax ikun hemm manifestazzjoni ta’ briju mingħajr il-fidi.  Din is-sena rridu ngħixu u nġeddu l-fidi tagħna f’Marija mingħajr il-festa esterna.  Din hija l-prova li Alla qed jitlobna nagħmlu.

It-tieni riflessjoni hija dwar iċ-ċelebrazzjoni reliġjuża.  Kull patruna jew patrun tal-parroċċi tagħna għandhom il-festa liturġika proprja fil-kalendarju tal-Knisja.  Barra minn din, il-Knisja  tippermetti li l-festi esterni tal-Parroċċi hawn Malta u Għawdex isiru kważi kollha fis-sajf biex ikunu jistgħu jitgawdew minn ħafna nies.  Il-festa liturġika tal-parroċċa tagħna taħbat fit-13 ta’ Mejju: il-Madonna tar-Rużarju ta’ Fatima li aħna niċċelebrawha bħala l-ewwel dehra ta’ Fatima.  Din il-festa aħna diġa ċċelebrajniha fis-Santwarju tagħna bil-bibien magħluqa u l-quddiesa ġiet imxandra filgħaxija fuq it-TV Xejk.  Barraminhekk, filgħodu ġiet mxandra quddiesa oħra permezz tal-facebook u ngħatat il-barka sagramentali minn fuq iz-zuntier għall-familji kollha tal-parroċċa.  Jien kelli feedback pożittiv ħafna minn ħafna parruċċani.  B’hekk jidhirli li għexna tajjeb il-fidi u d-devozzjoni tagħna lejn Marija ta’ Fatima.  Sena differenti!  Festa differenti!  Esperjenza differenti!

Nitlob illi din il-fidi u devozzjoni li aħna għandna lejn il-Madonna ta’ Fatima ssaħħaħ il-familji tagħna, tqawwina fit-tama lejn futur qarib ta’ ħajja normali, tressaqna aktar lejn is-sagramenti tal-Knisja b’mod speċjali lejn l-Ewkaristija biex sena oħra, jekk Alla jrid, inkunu nistgħu nifirħu flimkien u niċċelebraw kif jixraq il-fidi u d-devozzjoni tagħna lejn il-Madonna ta’ Fatima.  Nitlob li l-barka ta’ Alla l-Missier, bl-interċessjoni ta’ Marija, tinżel fuqkom ilkoll.

Vince Micallef OP
Kappillan.

%d bloggers like this: